Search

 
News

Document on Health reform presented to Trade Unions - 29/10/2004

http://www.doi.gov.mt/EN/press_releases/2004/10/pr1693.asp


Jingħata bidu għat-taħdidiet mal-Unions dwar ir-riforma fil-qasam tas-saħħa

Illum il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru saret l-ewwel laqgħa tan-negozjati bejn il-gvern u uffiċjali tal-Unions, UHM, MUMN, MAM u GWU dwar ir-riforma fil-qasam tas-Saħħa. F’din il-laqgħa preseduta minn Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ħa sehem ukoll għan-naħa tal-gvern it-tim ta’ l-uffiċjali li ser jinnegozjaw mal-unions.

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ppreżenta lill-unions dokument ‘Reforms in the Health Sector – Proposals for New Working Conditions’ li ser iservi bħala bażi għan-negozjati. Id-dokument jikkonsisti fi tliet taqsimiet:

i. Direzzjoni strateġika tal-Ministeru tas-Saħħa fl-isfond tar-riformi fil-kura
tas-saħħa pubblika,
ii. Mudell ġdid ta’ management fis-settur tas-Saħħa,
iii. Proposti tal-gvern għall-kundizzjonijiet ġodda ta’ impjieg.

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Louis Deguara f’kelmtejn li għamel qal li żgur li ħadd aktar minn dawk li jipprovdu s-servizz tas-saħħa ma hu konxju dwar il-ħtieġa li niġġeddu. Dan għal ħafna raġunijiet, fosthom il-bidliet kbar li qegħdin iseħħu ta’ kuljum fil-kamp mediku. Il-pajjizi ta’ madwarna bħalna għaddejjin mill-istess proċess ta’ tiġdid.

Il-ħtieġa għal bidla l-Gvern ilu li għarafha. Peress li konna konvinti li ma teżisti l-ebda sistema li tgħodd għal kulħadd, minn żmien ilu bdejna nagħmlu numru ta’ studji kif ukoll esperimenti mfassla fuq ċirkustanzi partikulari tagħna kif ukoll fuq esperjenzi ta’ oħrajn li bdew qabilna. Din il-fażi issa tlestiet u l-pass li jmiss huwa l-izjed meħtieġ, impenjattiv u fuq kollox kruċjali.

Il-Ministru qal li konvinti li l-aħjar riżultati jinkisbu bil-konsultazzjoni u mhux bl-impożizzjoni. Konvinti ukoll li l-isptar Mater Dei jżid il-ħtieġa li naħdmu id f’id biex din l-opportunità ta’ tiġdid ma tisfumax fix-xejn.

Għalhekk, f’dan il-bidu tan-negozjati il-Ministru jemmen li l-ispirtu li bihom qed jiġu ppreżentati għad-diskussjoni dawn il-prinċipji bażiċi min-naħa tal-Ministeru ser jintlaqgħu b’daqstant rieda tajba min-naħa tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li għandhom ir-responsabilità li jxejnu minn fost il-membri tagħhom il-biża li kull bidla iġġib magħha.

Hemm bżonn li għal dawn it-taħdidiet nidħlu b’attitudni ġdida bil-ħsieb li ma nippruvawx insibu soluzzjonijiet li jiffavorixxu l-istatus quo, imma biex naraw verament x’hemm bżonn isir biex niksbu riżultati aħjar fl-iqsar żmien possibbli. Jiddipendi minna lkoll jekk minn din l-isfida nagħmlux suċċess jew le. Nemmen li din hija sfida li minnha jista’ joħroġ rebbieħ kulħadd – Diviżjoni, ħaddiema u fuq kollox il-pazjent. Wara kollox dan hu li qed jistennew bi dritt dawk kollha li jħallsu minn buthom għas-servizzi tas-saħħa kompla jgħid Dr. Deguara.

Il-Ministru awgura li dawk kollha li ser jieħdu sehem fid-diskussjonijiet jużaw kontinwament is-sens komun. Hu qiegħed jimpenja ruħu li fejn jinħass il-bżonn tal-preżenza tiegħu dan jagħmlu bl-istess spirtu u attitudni.

Fl-aħħarnett il-Ministru xtaq jirringrazzja kemm lil dawk min-naħa tad-Diviżjoni tas-Saħħa u oħrajn li tant ħadmu fit-tfassil ta’ dokumenti ta’ preparazzjoni kif ukoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. “Jien ċert li ser timpenjaw ruħkom biex flimkien nibnu qasam tas-saħħa ta’ kwalità għolja li jkompli jagħmel ġieħ sew lil dawk li jwassluħ, kif ukoll lil dawk li jirċevuħ” temm jgħid il-Ministru.


DOI - 29.10.2004



 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home