Search

 
News

Minister Pullicino Briefs public on bird flu - 19/10/2005

link doi press release

JINTENSIFIKAW IL-PREKAWZJONIJIET KONTRA T-TIXRID TA’ L-INFLUWENZA TAT-TJUR F’MALTA

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qed jintensifika l-prekawzjonijiet kontra t-tixrid ta’ l-influwenza tat-tjur (avian influenza) f’Malta. Dan qed isir b’diversi modi fosthom billi tlesta pjan ta’ kontinġenza li ġie maqbul mill-Unjoni Ewropea, se jsir eżerċizzju ta’ simulazzjoni f’każ li jfaqqa’ l-virus f’Malta u permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ tajr selvaġġ kif ukoll ta’ tajr ieħor li sa’ llum għadu ma kienx irreġistrat.

Deattalji dwar dawn il-miżuri ngħataw waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u mis-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura u Sajd Frans Agius. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll Mireille Vella, Kap tad-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attività Veterinarja fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

Il-Ministru Pullicino ta dettalji dwar pjan ta’ kontinġenza li kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Hu qal li fil-jiem li ġejjin se jsir ukoll eżerċizzju ta’ simulazzjoni li ġie maqbul mal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Forzi Armati u uffiċjali paramediċi. Dan l-eżerċizzju se jservi biex itejjeb il-livell ta’ ko-ordinament u tħejjija bejn il-forzi ta’ l-ordni lokali f’każ li jfaqqa’ l-virus ta’ l-influwenza tat-tjur f’Malta. Il-Ministru George Pullicino appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd u li kull inkonvenjent li jista’ jinħoloq qed isir biex intejbu l-livell ta’ preparazzjoni tal-pajjiż.

L-Onor. Pullicino qal li ntbagħtet ittra permezz ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn kull Kunsill Lokali qed jintalab jagħti informazzjoni dwar papri li jgħixu fil-lokalità. Fl-istess waqt se tibda reġistrazzjoni ta’ papri, tiġieġ, dundjani u fancy birds oħrajn li jitkabbru fid-djar biex ikun żgurat li jkun hawn informazzjoni aġġornata dwar il-preżenza ta’ dawn l-għasafar. Din ir-reġistrazzjoni li se ssir fl-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali kollha se tibda minn nhar il-Ġimgħa 21 t’Ottubru u se ddum miftuħa sal-Ġimgħa 28 t’Ottubru 2005.

Il-Ministru George Pullicino qal li għaddej programm kontinwu ta’ monitoraġġ u ġbir ta’ kampjuni minn fost tjur li jinsabu fuq l-irziezet skond programm maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-programm jikkonferma li sa’ llum f’Malta għad m’hawnx preżenża tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur. Hu żied jgħid li dan il-monitoraġġ se jintensifika ruħhu fil-jiem li ġejjin.

Il- Ministru Pullicino qal li għaddejjin diskussjonijiet ma’ l-għaqdiet tal-kaċċaturi fejn dawn qed jingħataw pariri fuq kif l-aħjar li jimmaniġġjaw il-kaċċa li jaqbdu. Hu qal li sa’ issa m’hemm l-ebda indikazzjoni mill-Unjoni Ewropea biex titwaqqaf il-kaċċa, u l-Gvern Malti se jibqa’ jsegwi mill-qrib dak li qed tirrikkmanda l-Unjoni Ewropea. George Pullicino qal li jinnota b’sodisfazzjon li għaqdiet tal-kaċċaturi, fosthom l-FKNK u l-Għaqda Kaċċaturi tas-Senter u l-Gabjun diġà kkonfermaw id-disponibbiltà tagħhom li jirrispettaw kull direttiva dwar il-kaċċa li ttieħed fl-aħjar interess tas-saħħa pubblika.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Frans Agius tkellem dwar l-importanza li l-prodott Malti huwa mħares minn proċess ta’ traceability li jagħti garanzija ta’ kwalità u iġjene għoljin. Agius qal li dawn il-miżuri huma ntiżi li minbarra li jiggarantixxu s-saħħa pubblika jissalvagwardjaw l-industrija tat-tjur lokali li hija industrija ferm importanti. Is-Segretarju Parlamentari Agius appella biex ma jkunx hawn alarm żejjed iżda biex fl-istess waqt kulħadd iżomm ruħu aġġornat b’dak li jkun għaddej.

Fost inizjattivi oħrajn li qed jittieħdu, wieħed isib li b’kollaborazzjoni ma’ uffiċjali ta’ Birdlife Malta, qed tinġabar informazzjoni fuq imwiet u fil-ġbir ta’ kampjuni fuq ħmieġ ta’ l-għasafar minn riservi naturali, intbagħat dokument li jippromwovi l-bio-sigurtà lill-bdiewa kollha li jrabbu t-tjur u twaqqaf helpline li hu attivat 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa biex jilqa’ għal kull rapport li jista’ jsir dwar każijiet suspetti. In-numru hu 7903 3044 u fil-jiem li ġejjin se jsir ukoll freephone.

Issaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri, b’mod speċjali fil-border inspection posts ta’ l-ajruport, il-port u l-freeport. Dawn il-kontrolli qed isiru b’kollaborazzjoni mad-Dwana u jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ avviżi f’postijiet prominenti fil-punti tad-dħul għal pajjiżna. Hu qal li tħejja avviż għall-vjaġġaturi li se jsiefru lejn pajjiżi milquta mill-virus u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu.


DOI - 19.10.2005



 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home