Search

 
News

Prime Mininster Visits Mater Dei - 20/1/2006

link to article

link pictures

Mater Dei, "Sptar ġdid li se jfisser qabża fil-kwalita' fis-servizz tas-saħħa"

Il-PM Gonzi jagħmel żjara uffiċċjali lill-proġett

Charles MUSCAT • 20/01/2006 18:57:03


TAL QROQQ - L-Isptar il-ġdid Mater Dei hu rigal li se jingħata lill-poplu Malti u Għawdxi, u dan se jfisser qabża enormi ta' kwalita' fis-servizzi tas-saħħa. Barra minn hekk, dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, fosthom professjonisti, tobba, konsulenti u infermiera li jagħtu servizz importanti u tajjeb lill-poplu Malti, se jkunu jistgħu jtejbu s-servizz li jipprovdu, u li hu diġa' hu rikonoxxut internazzjonalment. Dan sostnih il-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta dalgħodu għamel żjara uffiċċjali lis-sit tal-proġett ta' l-Isptar Mater Dei f'Tal Qroqq, u li issa qabad ritmu tajjeb. Il-blokk ta' l-Out Patients diġa' tlesta u għadda f'idejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FSM) biex ikun mgħammar bl-apparat mediku, kif ukoll bl-għamara.

Akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' Louis Deguara u s-Segretarji Parlamentari Tonio Fenech u Helen D'Amato, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħar id-diversi taqsimiet ta' l-Isptar minn uffiċċjali u inġiniera tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Skond il-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpannija Skanska, l-Isptar Mater Dei għandu jitlesta sa l-Ewwel ta' Lulju 2007 b'nefqa ta' Lm145 miljun. Il-kuntratt finali kien iffirmat f'April li għadda wara negozjati twal bejn il-Gvern u Skanska. Jidher li xogħol miexi skond il-pjani u Skanska hi marbuta b'penali ta' Lm5 miljun jekk il-proġett ma jitlestiex sad-data stabbilta.

Iż-żjara tal-Prim Ministru bdiet fid-Dipartiment ta' l-Out Patients fejn ix-xogħol hu fi stadju avvanzat ħafna tant li l-blokk għadda f'idejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fil-ġimgħat li għaddew u issa qed ikun armat bl-għamara skond il-kuntratt mal-kumpannija Frezza SpA li jammonta għal 11.7 miljun Ewro.

Wara l-Prim Ministru żar l-entratura ewlenija li tħares lejn l-Universita' fejn se jkun hemm ir-reception area, ħwienet u servizzi oħrajn kif ukoll wieħed mit-teatri ta' l-operazzjoni. Dan hu mgħammar bl-aktar teknoloġija għolja u bħalissa dan l-apparat qed ikun ittestjat. L-apparat hu parti mill-kuntratt b'valur ta' 62 miljun ewro li l-FSM ordnat mingħand il-kumpannija INSO.

Blokk ieħor li kważi hu lest hu Blokk D li fih hemm is-swali tal-kirurġija fejn il-kmamar huma mgħammrin b'teknoloġija avvanzata għall-kura u l-kumdita' tal-pazjenti. Il-Prim Ministru żar ukoll Blokk F li minnu joperaw is-servizzi kollha ta' enerġija għall-Isptar.

Waqt konferenza ta' l-aħbarijiet fi tmiem iż-żjara tiegħu fl-Isptar il-ġdid, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li kien impressjonat bil-progress li bih miexi l-bini ta' l-Isptar kif ukoll bl-apparat mill-aktar modern li qed ikun installat. Hu spjega li minkejja li s-servizzi tas-saħħa f'pajjiżna huma ta' livell għoli ħafna, il-Gvern irid l-aħjar għall-poplu u għalhekk l-Isptar il-ġdid se jkompli jgħolli l-kwalitˆ tas-servizzi tas-saħħa f'pajjiżna.

Il-Prim Ministru faħħar l-impenn u s-servizz ta' dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li jlaħħqu madwar 4,000, u qal li dan se jkompli jitjieb bil-ftuħ ta' l-Isptar Mater Dei għax dawn issa se jkunu qed jaħdmu fĠambjent ħafna aħjar. Il-ħaddiema u l-professjonisti fl-Isptar San Luqa qed kontinwament ikunu konsultati biex ikollhom sehem fl-iżvilupp ta' l-isptar il-ġdid.

Lawrence Gonzi qal li l-Gvern mhux qed jixxaħħaħ mas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tant li l-apparat kollu għall-Isptar Mater Dei se jkun mill-aktar modern u bl-aħħar teknoloġija. Dan kollu se jgħin biex il-professjonisti jagħtu servizz ta' l-ogħla kwalita'. Il-Prim Ministru qal li l-progress fil-bini ta' l-Isptar issa ħa spinta 'l quddiem tant li wara d-Dipartiment tal-Out Patients, f'Marzu li ġej Blokk D ukoll se jgħaddi f'idejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Is-sejħa għall-offerti għall-ikel tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei għalqet f'Diċembru li għadda u l-kuntratt mistenni jingħata sa Ġunju li ġej. Fil-jiem li għaddew għalqet l-offerta għall-apparat tat-teknoloġija ta' l-informatika skond id-disinji tal-hardware imħejjija mill-MITTS. Faċilitajiet oħrajn ġodda fl-Isptar Mater Dei se jkunu nursery għat-tfal żgħar tal-ħaddiema ta' l-Isptar, uffiċċji għall-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u ħwienet.

Il-Gvern hu impenjat li t-transizzjoni mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei ssir fl-iqsar żmien possibbli biex kemm jista' jkun ma jkunx hemm inkonvenjent għall-pazjenti u għall-ħaddiema. Il-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-membri ta' l-istaff fl-Isptar San Luqa se jkunu mistiedna jżuru l-Isptar Mater Dei biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma' l-ambjent il-ġdid li fih se jaħdmu. Barra minn hekk il-pubbliku wkoll se jkollu l-opportunita' jara il-progress fl-Isptar il-ġdid billi jżur dan il-proġett li hu tal-poplu kollu.

Il-Perit Martin Attard Montalto, Planning Manager tal-FSM qal li dalwaqt jibda l-ippjanar biex issir it-trasferiment mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei u l-Gvern ħatar lill-Marion Rizzo, bħala Kap Eżekuttiv ta' l-Isptar Mater Dei u magħha bdew l-ewwel laqgħat dwar il-pjan ta' migrazzjoni. Dan il-proċess jinvolvi ħafna xogħol minħabba l-pazjenti u l-ħaddiema nvoluti.



 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home