Search

 
News

Official press release on bird flu - 14/2/2006

IMĦABBRA MIŻURI TA’ PREKAWZJONI KONTRA T-TIXRID TAL-VIRUS TAL-INFLUWENZA TAT-TJUR F’MALTA

link to download word form



Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent illum ħabbar tliet miżuri ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur f’Malta.

F’diskors li għamel waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino ħabbar sospensjoni tal-kaċċa minn fuq il-baħar, il-ġbir ta’ papri slavaġ minn postijiet pubbliċi u d-diżinfettar ta’ vetturi li jaslu Malta minn Sqallija.

Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern Malti diġa informa lill-Kummissjoni Ewropea bis-sospensjoni tal-kaċċa fuq il-baħar u qal li din il-miżura qed issir wara konsultazzjoni mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li qed tappoġġja din il-miżura.

Il-ġbir tal-papri se jibda b’mod immedjat u se jinżammu f’post magħluq u taħt sorveljanza. Dawn il-papri se jsirulhom testijiet regolari u se jittieħdu kampjuni biex ikun aċċertat li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha.

Il-Ministru Pullicino tenna li sa llum Malta għadha ħielsa mill-virus ta’ l-influwenza tat-tjur u għaldaqstant ma jeżistix lok għall-allarm fost il-poplu Malti.

Il-Ministru Pullicino semma’ inċident fejn illum daħlet informazzjoni ta’ xi tiġieġ mejta li kien hemm fil-viċinanzi ta’ razzett f’Ħaż-Żebbuġ. Il-veterinarji tal-Gvern bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom mill-ewwel u fost l-ewwel affarijiet il-veterinarji għamlu kuntatt mal-bidwi responsabbli mill-post li kkonferma mill-ewwel li kien hu li qatel lit-tiġieġ; b’hekk kien ikkonfermat li dan kien każ li ma kellu ebda konnessjoni mat-tixrid tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur.

Hu qal li dan kien każ ta’ bidwi li kellu tiġieġ tal-bajd li spiċċalhom iċ-ċiklu tagħhom u li b’mod irresponsabbli ddispona mit-tiġieġ tiegħu bl-addoċċ. Hu qal li l-Pulizija qed tinvestiga lil dan l-individwu u se tieħu l-passi kollha li huma meħtieġa. Il-Ministru George Pullicino iddeplora l-atteġġjament irresponsabbli ta’ xi individwi li jwassal biss biex iżid l-allarm.

F’diskors waqt l-istess konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, Francis Aġius enfasizza fuq l-importanza li kulħadd jagħraf id-differenza distinta bejn il-virus ta’ l-influwenza tat-tjur li jimxi fost it-tjur u r-riskju ta’ l-influwenza pandemika li tgħaddi minn bniedem għall-ieħor.

Hu irriafferma li t-tiġieġ Malti għandu dik li tissejjah health mark li allura turi li dan huwa taħt is-sorveljanza tas-servizz veterinarju u huwa ħieles minn kull mard. Dr Aġius fakkar li t- tiġieġ imsajjar f’temperatura ta’ iktar minn 70 ċentigrad żgur li joqtol kull virus inkluż dak ta’ l-influwenza tat-tjur. L-ikel tat-tiġieġ m’għandux jittiekel nej jew b’nofs sajran imma irid ikun imsajjar sew.

F’Malta għandna t-traċċibilita’ tal-prodott kemm tat-tiġieġ kif ukoll tal-bajd li jipproduċu. Permezz ta’ l-ittimbrar tal-bajd, is-servizz veterinarju għandu traċċibilità ta’ kollox u għalhekk hawn ukoll m’ hawnx lok għall-allarm.

Is-Segretarju Parlamentari Aġius fakkar ukoll li kull min għandu f’moħħu li jimporta xi affarijiet minn barra l-pajjiż u li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti tat-tjur għandhom jaraw li jinfurmaw is-servizz veterinarju.

“Niftakru li hemm bżonn li f’ħaġa bħal din għandna naraw l-interess nazzjonali u mhux dak individwali,” qal Dr Aġius.

Intant l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ifakkar fin-numri ta’ emerġenza. In-numru freephone 8007 2211 huwa attivat matul il-ħin ta’ l-uffiċċju u li fuqu għandhom ikunu indirizzati xi mistoqsijiet dwar l-influwenza tat-tjur. In-numru 7903 3044 huwa attivat 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa u għandu jintuża f’każ ta’ xi suspett relatat mal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur.




 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home