Search

 
News

Pensions - Text of press release by prime minister - 2/3/2006

link to doi website


KONFERENZA STAMPA MILL-PRIM MINISTRU L-ONOR DR LAWRENCE GONZI: IL-PASSI LI JMISS GĦAL PENSJONI ADEGWATA U SOSTENIBBLI - 1 TA’ MARZU 2006 – KASTILJA



Għaddew aktar minn għaxar snin minn meta ekonomisti u osservaturi oħra bdew jindikaw li huwa essenzjali li jittieħdu ċerta passi sabiex, hekk kif f’Malta assigurajna pensjoni għall-pensjonanti tal-lum, niżguraw sistema ta’ pensjoni sostenibbli u ħajja deċenti lill-pensjonanti ta’ għada, il-ħaddiema żgħażagħ tal-lum.

Disa` snin ilu, f’Diċembru ta’ l-1997, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku ikkummissjona rapport dwar il-futur tas-sistema tal-pensjonijiet li wasal għal numru ta’ proposti speċifiċi. F’Awissu ta’ l-1998, il-kumpanija internazzjonali Watson & Wyatt preżentat rapport ieħor fuq il-pensjonijiet f’Malta b’rakkomandazzjonijiet għar-riforma. F’Ġunju ta’ l-1999, il-Gvern waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma fil-Welfare li wkoll ressqet numru ta’ proposti. Lejn l-aħħar ta’ l-2003, din il-Kummissjoni talbet l-għajnuna ta’ l-esperti tal-Bank Dinji li f’Marzu ta’ l-2004 ikkonfermaw li

“Is-sistema kurrenti tal-pensjonijiet mhix sostenibbli fiskalment u twassal għal pensjonijiet baxxi fuq medda ta’ snin”

Disa’ ġimgħat wara li ħadt il-ġurament ta’ Prim Ministru, fl-1 ta’ Ġunju 2004, waqqaft il-Pensions Working Group (PWG) sabiex janalizza x-xogħol kollu li kien sar f’dan il-qasam mill-1997 ‘l hawn u tlabtu jagħmel rakkomandazzjonjiet dwar dak li jqis li hemm bżonn sabiex ikollna sistema ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli.

Wara li f’Novembru ta’ l-2004 il-Gvern ippubblika l-ewwel rapport tal-Grupp bħala White Paper, il-Grupp kompla x-xogħol tiegħu billi għamel economic impact assessment, social impact assessment, survey ta’ l-opinjoni pubblika, u studju attwarjali dwar sistema ta’ pensjoni supplimentari - it-tieni pilastru. Barra minn dan, il-PWG, fuq talba tal-Gvern, mexxa diskussjoni nazzjonali mifruxa fuq ħames xhur. Fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda, il-Grupp issottometta r-rapport finali tiegħu lill-Gvern kif ukoll seba’ studji supplimentari. Bl-iskop li jagħti l-akbar informazzjoni possibbli lill-pubbliku, u biex isaħħaħ il-proċess ta’ djalogu meħtieġ fuq dan is-suġġett ta’ interess nazzjonali, il-Gvern ippubblika dawn id-dokumenti kollha f’Ottubru li għadda flimkien mal-Budget; ara http://www.mfss.gov.mt/pensions.

Il-Gvern immexxi minni huwa konvint li l-akbar sfida għas-sistema tal-pensjonijiet hija li nieħdu passi minn issa biex nassiguraw fil-futur pensjonijiet deċenti u adegwati, speċjalment għall-ħaddiema żgħażagħ tal-lum. M’hemmx dubju li għandna l-isfida tas-sostenibbilita`, jiġifieri l-kapaċita` tal-pajjiż li jibqa` jkun jiflaħ iħallas sew il-pensjonijiet tal-lum kif ukoll dawk ta’ għada. Il-fatt li l-pensjonanti qed jgħixu ħafna aktar u aktar f’saħħithom, kif ukoll li n-numru ta’ pensjonanti qed jiżdied b’mod qawwi fl-istess waqt li qed tonqos ir-rata tat-twelid, qed ikollu impatt negattiv fuq is-sostenibbilita` tas-sistema. Is-sena li għaddiet beda l-irtirar bil-pensjoni ta’ dawk l-eluf li twieldu wara l-aħħar gwerra.

Nixtieq infakkar dak li għidt fid-Diskors tal-Budget li għamilt fil-Parlament f’Ottubru li għadda:

“Jekk inħarsu lejn l-aħħar għaxar snin, insibu li l-medja ta’ persuni li kkwalifikaw għal pensjoni ta’ l-età kienet ta’ 1,962 persuna fis-sena. Din is-sena (fl-2005), dan in-numru huwa ta’ 4,400, żieda ta’ 2,438 persuna li tfisser Lm7 miljun iżjed fin-nefqa tal-pensjonijiet. Is-sena d-dieħla (2006) huwa kkalkulat li ser jikkwalifikaw 5,792 persuna, 1,392 persuna iżjed minn din is-sena.”

Filwaqt li l-kwestjoni tas-sostenibbilita` tibqa` kwestjoni vitali, is-sistema tagħna llum fiha mekkaniżmu li jgħinna nilqgħu, bla ma jsolvi għal kollox, għal din l-isfida fis-sens li, fl-aħħar mill-aħħar, skond il-liġi ta’ bħalissa, l-ogħla pensjoni għandha limitu ta’ massimu ta’ Lm4,500 fis-sena (2/3 ta’ Lm6750), limitu stabbilit ħamsa u għoxrin sena ilu fl-1981.

Waqt li dan il-mekkaniżmu min-naħa jgħin fil-problema tas-sostenibbilita`, min-naħa l-oħra ma jipprovdi l-ebda garanzija li l-pensjonanti ta’ għada jkollhom pensjoni adegwata biex jassiguraw għixien decenti. Inkunu qed niżbaljaw u nonqsu minn dmirna jekk issa nagħżlu li ma nagħmlu xejn, jew niddeċiedu li nraqqgħu l-pannu billi nżidu t-taxxi u s-sistema tibqa’ b’xi mod għaddejja għal numru ta’ snin oħra. Id-dmir tagħna llum hu li nieħdu l-passi meħtieġa biex inħarsu l-futur tal-ħaddiema tagħna fil-qasam tal-pensjonijiet biex meta jkunu anzjani jgħixu ħajja li tixirqilhom.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li tibdiliet f’sistemi ta’ pensjonijiet jieħdu tul ta’ żmien biex iħallu l-frott tagħhom. Fuq kollox il-pensjonijiet f’pajjiżna, bħal fil-bqija tal-pajjiżi kollha, jeħtieġ li jkunu sistemi dinamiċi li jirrispondu għaċ-ċirkustanzi demografiċi, soċjali u ekonomiċi li jinbidlu minn żmien għal żmien.

Erba` xhur ilu fid-Diskors tal-Budget kont għidt:

“Iż-żmien għad-diskussjoni issa mmatura biżżejjed biex naslu għad-deċiżjonijiet. Il-Grupp fuq il-Pensjonijiet ippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Gvern, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Gvern qiegħed jistudja dan ir-rapport bl-attenzjoni u d-dettal li jixraqlu. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jikkomunika d-deciżjonijiet tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin biex issa ngħaddu għal fażi ta’ l- implimentazzjoni.”

Fil-waqt li l-proċess ta’ konsultazzjoni baqa` għaddej sal-bieraħ, il-Gvern kompla jeżamina bir-reqqa dan ir-rapport. Illum qiegħed f’pożizzjoni nħabbar dak li l-Gvern qed jipproponi bħala sisien li fuqhom għandha tiġi abbozzata liġi ġdida biex titressaq fil-Parlament qabel ma dan jieqaf għas-sajf.

M’hemmx dubju li f’suġġett hekk kumplikat u kumpless bħal pensjonijiet, b’ippjanar fuq firxa ta’ żmien daqshekk fit-tul, bilfors ikun hemm ħafna dettalji li jkunu jinħtieġu spjegi dettaljati u tekniċi. Ngħid ukoll li l-Gvern ser ikompli jisma’ u jiddiskuti sa dakinhar li jittieħed l-aħħar vot fil-Parlament.

Il-Gvern qed jipproponi dawn il-punti ewlenin bħala s-sisien li fuqu tinbena riforma f’dan il-qasam:

A. Min mhux ser ikun milqut

Ir-riforma mhix ser tolqot bl-ebda mod lill-pensjonanti preżenti u lil dawk li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikunu għalqu l-55 sena. L-unika eċċezzjoni hija li min iħaddem ma jistax ma jilqax it-talba ta’ nisa f’dan il-grupp li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu sa 61 sena. Inżid ukoll li l-pensjoni massima stabbilita 25 sena ilu u li ilha ffriżata minn dakinhar issa ser tiżdied kull sena b’2/3 tal-COLA b’effett mis-sena li għaddiet.

B. Dawk li ser jiġu affetwati

Dawk li sal-1 ta’ Jannar 2007 ikunu għadhom m’għalqux il-46 sena jidħlu fis-sistema l-ġdida b’mod sħiħ.

L-oħrajn, dawk ta’ bejn is-46 u l-55 sena, ikollhom arranġamenti partikulari li jvarjaw skond l-eta` tagħhom, kif ser nispjega aktar ‘l quddiem.

Ċ. Eta’ ta’ l-irtirar

L-eta` ta’ l-irtirar ser titla’ għal 65 b’mod gradat.

Min fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollu

· bejn 51 u 54 sena, jirtira ta’ 62 sena.

· bejn 48 u 50 sena, jirtira ta’ 63 sena.

· bejn 46 u 47 sena, jirtira ta’ 64 sena.

· 45 sena u anqas, jirtira ta’ 65 sena.

L-irtirar qabel l-eta ta’ 65 sena ser ikun skoraġġit fl-interess tal-ġid komuni. B’danakollu ser ikun possibbli li persuna tirtira qabel tagħlaq il-65 sena iżda wara li tkun għalqet it-62 sena b’aġġustamenti ta’ tnaqqis fil-pensjoni tagħha.

Wara li tagħlaq 65 sena, persuna tista’ tibqa’ taħdem bla ma tħallas bolla fil-waqt li tirċievi l-pensjoni sħiħa dovuta lilha.

D. Pensjoni Minima Nazzjonali

Il-Gvern jibqa` jiggarantixxi Pensjoni Minima Nazzjonali. Għandu jibda proċess sabiex fuq firxa ta’ snin il-pensjoni minima nazzjonali, għall-pensjonanti li jkunu daħlu fis-sistema l-ġdida, tkun tirrifletti s-60% tal-medjan nazzjonali tad-dħul. Dan il-kalkolu huwa aktar mill-mod kif hi kalkolata pensjoni minima nazzjonali bħalissa. B’hekk, fil-futur il-Pensjoni Minima Nazzjonali tkun aktar minn dik tal-lum u tibqa’ tiġi riveduta perjodikament mhux biss skond l-inflazzjoni iżda wkoll skond kif jiżdied il-medjan nazzjonali tad-dħul.

E. Pensjoni ta’ Żewġ Terzi

Il-pensjoni taż-żewġ terzi se tibqa’ tiġi kalkolata fuq il-paga bażika.

Il-perjodu ta’ kontribuzzjoni jkun ta’ erbgħin sena minflok it-tletin sena tal-lum. Dan ukoll ser jiddaħħal b’dan il-mod gradat:

Persuna li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollha 25 sena jew anqas tinħtieġ perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 40 sena, li ser jonqos b’sena għal kull sena iżjed minn 25 sena li l-persuna jkollha, sa minimu ta’ 30 sena. Dan ifisser li persuna ta’ 30 sena jkollha akkumulazzjoni ta’ 35 sena u persuna ta’ 35 sena jew iżjed ikollha akkumulazzjoni ta’ 30 sena.

Persuna li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollha 46 sena jew iżjed ikollha l-pensjoni tagħha kalkolata bħall-lum, jiġifieri skond l-aħjar 3 snin konsekuttivi fl-aħħar għaxar snin. Il-pensjoni ta’ min illum huwa iżgħar minn 46 sena ser tibda tinħadem fuq l-aħjar 10 snin matul l-aħħar 20 sena. Dan ser japplika kemm għal min hu impjegat kif ukoll għal min jaħdem għal rasu (self-employed). B’hekk jibda jkollna sistema uniformi kemm għal min hu impjegat kif ukoll għal min jaħdem għal rasu.

F. L-ogħla pensjoni

Skond il-liġi s’issa, l-ogħla pensjoni hija żewġ terzi tad-dħul massimu pensjonabbli, ekwivalenti għal Lm6750, limitu li kif diġa` għidt kien stabbilit fl-1981. Il-Gvern qed jipproponi illi dan il-massimu jiżdied kull sena bil-COLA sal-2010. Wara jiżdied b’ammont kull sena b’mod li sal-2014 jilħaq id-Lm9000. Dan id-dħul massimu pensjonabbli ġdid jibqa` jiżdied kull sena skond ir-rata ta’ l-inflazzjoni jew skond kif jiġi deciż fir-reviżjoni perjodika ta’ kull ħames snin li tkun parti integrali mis-sistema. Ovvjament il-kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali tinħadem skond il-massimu l-ġdid.

G. Sistema ta’ pensjoni supplimentari – it-tieni pilastru

Il-Gvern jemmen li jkun ta’ ġid li l-pajjiż ikollu sistema ta’ pensjoni supplimentari bħala t-tieni kolonna tas-sistema kollha kemm hi. Meta tiġi introdotta din is-sistema din tkun obbligatorja għal kulħadd.

Madanakollu l-Gvern jagħraf li f’dan il-mument mhux għaqli li jiżdiedu piżijiet ġodda fuq l-impjegati u fuq min iħaddem. Għalhekk, tiġi konsidrata l-possibbilta` li parti mill-kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali li qed titħallas bħalissa tiġi dedikata għal din l-iskema ta’ pensjoni supplimentari. Jekk jinstab li dan ikun finanzjarjament fattibbli, din tiddaħħal għal kulħadd. Jekk le, l-iskema tiddaħħal aktar ‘l quddiem. Il-flus li jidħlu taħt din l-iskema jitpoġġew f’fondi speċjali ta’ investiment imħaddma minn operaturi finanzjarji rikonoxxuti u liċenzjati mill-Awtorita` Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Ser isiru diskussjonijiet ma’ l-intermedjarji finanzjarji, fosthom fil-qasam ta’ l-assikurazzjoni u l-banek, sabiex servizzi li diġa` jeżistu jkunu jistgħu jitħaddmu b’mod li jikkumplimentaw it-tieni pilastru tal-pensjonijiet.

H. Il-pensjonijiet bħala strument li jħajjar għax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja

Il-Gvern jaqbel li r-riforma tal-pensjonijiet għandha taħseb kemm fil-ġenituri li jieqfu għal żmien mill-karriera tagħhom għat-trobbija ta’ uliedhom żgħar kif ukoll sabiex l-istudenti u l-ħaddiema jkunu jistgħu javvanzaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Qed isiru cost-benefit studies, kif irrakkomanda l-PWG, sabiex il-liġi li ser titressaq quddiem il-Parlament tipprovdi għal dan.

I. Reviżjoni perjodika kull ħames snin

Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Gvern qed jipproponi li kull ħames snin issir analiżi sabiex il-pajjiż jagħraf aħjar il-qagħda tal-pensjonijiet f’pajjiżna u jaġġusta s-sistema skond il-bżonn. Il-proposti li qed inħabbar illum qed isiru a` bażi ta’ indikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandna llum għas-snin li ġejjin. Madanakollu rridu nkunu dejjem viġilanti u nagħrfu xejriet li jkunu qed jiżviluppaw u għalhekk b’responsabbilta` ma nistgħux ma nirrevedux il-qagħda perjodikament. L-ewwel reviżjoni ser issir fl-2010.

Konklużjoni

Wara snin ta’ dibattitu u proposti issa wasalna fl-istadju fejn il-Gvern qiegħed iressaq il-proposti tiegħu. Dawn il-proposti għandhom l-iskop li jpoġġu s-sisien biex il-pensjonanti ta’ għada jkollhom prospetti ta’ pensjoni adegwata. Il-Gvern qed jaħdem għal kwalita` tal-ħajja, tajba kemm għal din il-ġenerazzjoni kif ukoll għall-ġenerazzjoni li ġejja. Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema ta’ llum se jsiru il-pensjonanti ta’ għada. Għandna obbligu li nibdew naħsbu minn issa biex dawn ikollhom pensjoni li biha jistgħu jibqgħu jżommu livell ta’ għixien deċenti. M’għandniex naħarbu minn din ir-responsabbilta`. Pajjiżi oħra għamlu l-bidliet li kien hemm bżonn. F’Malta wkoll, saru studji differenti, rakkomandazzjonijiet u proposti mis-socjeta` ċivili u l-imsieħba soċjali li lkoll għarfu li din il-ġenerazzjoni ta’ mexxejja għandha obbligu lejn il-pensjonanti ta’ għoxrin, ħamsa u għoxrin sena oħra. Min jipprova jipposponi d-deċiżjoni jew jipprova jgħid li kollox għandu jibqa’ kif inhu jkun qiegħed jonqos minn dmiru lejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tal-lum.

Kif għidt qabel, għadna qed naħdmu fuq numru ta’ dettalji meħtieġa biex nabbozzaw il-liġi li ser nipproponu għall-konsiderazzjoni tal-Parlament qabel dan jieqaf għas-sajf. Fil-ġimgħat li ġejjin ser nagħtu aktar informazzjoni dwar il-passi li ser jieħu l-Gvern.

Dan kollu qed nagħmluh b’sens ta’ dmir u responsabbilta` lejn iċ-ċittadini tagħna. Stajna ħadna t-triq il-faċli fejn nibqgħu komdi u mbagħad meta tfaqqa’ wieħed jara x’jista’ jagħmel…biss imbagħad ikun tard wisq.

Jekk ma jsir xejn se jinħoloq faqar fost il-pensjonanti ta’ għada, dawk li llum qegħdin fuq il-post tax-xogħol u ż-żgħażagħ tagħna. Jekk jibqa’ ma jsir xejn, se ndaħħlu lil din il-kategorija ta’ nies fi kriżi soċjali u ekonomika. Din mhix it-triq li qed jagħżel dan il-Gvern. Ir-responsabbilta` ġġib magħha l-obbligu li nindirizzaw l-isfidi u naħsbu minn issa għall-ġejjieni - għalhekk qed nagħtu kas minn issa.

Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess twil. Ftit ħafna kienu dawk li ma tawx sehemhom f’dan il-proċess twil. Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet tal-ħaddiema, għaqdiet ta’ min iħaddem, għaqdiet taż-żgħażagħ, rappreżentanti tal-pensjonanti, korpi kostitwiti u entitajiet oħra, individwi u esperti u lil kull min ħa sehem f’din id-diskussjoni nazzjonali u li taw il-kontribut tagħhom.

Bil-kontribut tagħkom wasalna sabiex ser inkunu nistgħu nressqu liġi li għandha toffri serħan il-moħħ lill-pensjonanti tal-lum, il-pensjonanti ta’ għada u ż-żgħażagħ li qed jibdew il-ħajja.



 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home