Search

 
News

Prime Minister on Health Services - 10/6/2007

link to Maltarightnow


Ħidma biex jitjiebu s-servizzi fil-komunita'

- il-Prim Ministru Lawrence Gonzi

Charles MUSCAT 09/05/2007 21:26:31


Fost l-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna fil-qasam tal-kura tas-saħħa hemm li tinstab triq biex jitjiebu s-servizzi fil-komunita'. Għalkemm diġa' jingħataw ħafna servizzi fil-komunita' permezz taċ-Ċentri tas-Saħħa, għad fadal ħafna aktar xi jsir f'dan il-qasam.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal dan waqt it-tielet djalogu maħsub biex il-pubbliku jikkontribwixxi fit-tfassil tad-dokument ta' qabel il-Baġit 2008. It-tema tad-djalogu li sar fil-Berġa ta' Kastilja kienet Biex fis-Saħħa Jkollna l-Aħjar Servizz u għalih attenda pubbliku numeruż.

Il-Prim Ministru irrikonoxxa wkoll il-ħidma ta' dawk kollha li jipprovdu kura fil-qasam tas-saħħa u qal li għalkemm il-bini modern ta' l-Isptar Mater Dei hu importanti, aktar importanti huma dawk li jipprovdu l-kura. Hu irrefera wkoll għall-għaqdiet mhux governattivi li jipprovdu firma ta' servizzi fil-qasam tal-kura tas-saħħa u qal li dawk ħaqqhom kull apprezzament u għajnuna.

Hu saħaq dwar il-bżonn ta' investiment u taħriġ kontinwu ta' dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa u qal li waħda mill-problemi li qed jiffaċċja pajjiżna hi ta' studenti universitarji li jħallu pajjiżna wara li jiggradwaw biex imorru jaħdmu f'pajjiż ieħor. Il-Prim Ministru fakkar li l-pajjiż jinvesti madwar Lm35,000 f'kull student sakemm jiggradwa u meta dan iħalli pajjiżna jkun ifisser li l-investiment li jkun sar fih ma jkunx qed jissarraf favur pajjiżna u l-poplu. Hu spjega li din il-problema qed tkun diskussa u din hi waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Hu qal li din il-kwistjoni se tingħata konsiderazzjoni importanti ħafna fid-deċiżjonijiet li se jittieħdu.

Il-Prim Ministru fakkar li pajjiżna jipprovdi servizzi ta' kura tas-saħħa ta' l-għola livell u dan anke fil-qasam tal-kura ta' l-anzjani fejn qed isir investiment qawwi fir-residenza San Vinċenz de Paul, fid-djar ta' l-anzjani, u anke fl-Isptar Monte Carmeli.

Hu rrefera wkoll għall-bżonn ta' aktar importanza lill-prevenzjoni u fakkar li l-Gvern se jinvesti fil-bini ta' blokk ġdid f'San Vinċenz de Paul li se jkun jispeċjalizza fir-riabilitazzjoni. Dan se jipprovdi s-servizzi li jingħataw fl-Isptar Zammit Clapp u se jkun miftuħ ukoll għal pażjenti fil-komunita'.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem dwar il-problema ta' waiting list f'diversi oqsma tal-kura tas-saħħa kif ukoll ta' dawk li jkollhom jibagħtu lil qrabathom barra minn Malta għal kura. Hu qal li qed issir ħidma dwar il-possibbilta' li jkun introdott il-kunċett ta' l-ispiżerija ta' l-għażla tiegħek biex dawk li jingħataw il-pilloli bla ħlas ikunu jistgħu jiġbruhom mill-lokalita' tagħhom u b'hekk tonqos it-tbatija.

Il-Professur Albert Fenech, il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar San Luqa kien il-mistieden biex jagħmel introduzzjoni tad-djalogu. Hu qal li s-sistema tal-kura tas-saħħa f'pajjiżna hi fost l-aqwa fid-dinja. Hu qal li l-Isptar Mater Dei hu mgħammar bl-aktar apparat mediku modern u se joħloq ambjent mill-isbaħ kemm għal pazjenti kif ukoll għal dawk li jipprovdu l-kura.

Albert Fenech saħaq dwar il-bżonn li jsir xi ħaġa biex niex ta' esperjenza u studenti li jiggradwaw jibqgħu jaħdmu f'Malta filwaqt li jsir sforz biex professjonisti li ħallew pajjiżna biex jaħdmu f'pajjiż ieħor jerġgħu jiġu f'Malta. Hu qal li hemm bżonn li aktar nies jaqbdu karriera fil-qasam tal-kura tas-saħħa u dan anke fil-livell ta' infermiera u tobba.




 
 
Developed by Alert Communications|  Disclaimer  |  Copyright  |  Privacy Policy
 
Home Home Home