Vis Unita Fortior

Nirrappreżentaw lit-tobba ta' Malta mill-1954

·

Ir-rikonoxximent tal-COVID-19 ma jistax jeskludi lill-ħaddiema tas-saħħa fuq quddiem nett

28 ta' Mejju 2026

L-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta (MAM) hija diżappuntata bit-tħabbira li l-Gvern se jqassam pagamenti ta' €7,000 lil gruppi magħżula ta' ħaddiema bħala “rikonoxximent” għall-pandemija tal-COVID-19.

Il-MAM tixtieq tagħmilha ċara li din mhijiex kwistjoni ta' kumpens finanzjarju, iżda waħda ta' prinċipju, ġustizzja u rispett lejn il-memorja kollettiva ta' dak li verament ġara matul il-pandemija.

Matul il-kriżi tal-COVID-19, it-tobba, l-infermiera u l-professjonisti tas-saħħa kienu fuq quddiem nett ta' emerġenza nazzjonali bla preċedent. Ħadmu f'kundizzjonijiet diffiċli u perikolużi, esponew lilhom infushom u lill-familji tagħhom għal riskji serji, u ġarrew ir-responsabbiltà klinika u umana ta' pajjiż sħiħ matul perjodu mmarkat mill-biża' u l-inċertezza.

Ħafna għadhom iġorru l-konsegwenzi emozzjonali u professjonali ta' dak il-perjodu sal-lum.

Għalhekk huwa inġust ħafna li l-Gvern jiddeċiedi b'mod selettiv min għandu jirċievi dan l-hekk imsejjaħ “rikonoxximent”, mingħajr kriterji ċari u trasparenti, filwaqt li jeskludi lil dawk li kienu fost l-aktar involuti direttament fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Il-MAM temmen ukoll li ż-żmien ta' dawn it-tħabbiriet inevitabbilment iqajjem tħassib serju dwar l-użu tal-fondi pubbliċi għal skopijiet politiċi. Ir-rikonoxximent nazzjonali għandu jgħaqqad lill-pajjiż u jkun ibbażat fuq il-ġustizzja u r-rispett lejn kulħadd — mhux joħloq diviżjoni jew l-impressjoni ta' trattament preferenzjali lejn gruppi partikolari.

Il-poplu Malti u Għawdxi jiftakar min kien hemm meta l-pajjiż kellu l-akbar bżonnhom.

U dawk kienu t-tobba, l-infermiera u l-professjonisti tas-saħħa tagħna.

Dr Aaron Schembri

Segretarju Ġenerali – L-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta (MAM)

F'isem il-Kunsill tal-MAM


Oqgħod ħdejn il-kollegi tiegħek.

Applika onlajn, ħallas b'mod sigur bil-karta, u mexxi s-sħubija tiegħek mit-telefon.